Jibda programm ta’ xogħol ta’ bankini

By admin | Uncategorized | No Comments

Deċiżjoni waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali Naxxar tal-25 ta’ April 2017 wasslet għall-bidu ta’ xogħol ta’ manutenzjoni/tibdil ta’ numru ta’ bankini.

Wara eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bankini madwar in-Naxxar kollu, il-Kunsill ħa d-deċiżjoni dwar il-prijoritajiet li għandhom jingħataw il-bankini. Il-kriterji ewlenin ikkonsidrati f’dan l-eżerċizzju kienu bbażati fuq l-istat fiżiku tal-bankina, ċoè kemm hi ħażina l-bankina, u kemm tintuża.

Minkejja din id-deċiżjoni, l-Kunsill se jkun qiegħed jirrevedi dan il-pjan regolarment u ma jeskludix l-inklużjoni ta’ bankini li għal xi raġuni għadhom ma ġewx inklużi iżda li, wara rappreżentazzjonijiet jistgħu jiġu rikunsidrati.

Ta’ min wieħed jinnota li, ħlief għal sitwazzjonijiet speċifiċi, ix-xogħol jinvolvi biss manutenzjoni ta’ bankini eżistenti u mhux bankini ġodda fejn m’hemmx.  Dan għaliex ix-xogħol fuq bankini ġodda fejn m’hemmx ma jaqax fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali.

Tajjeb insemmu wkoll li, minkejja l-lista ta’ prijoritajiet, u għalkemm il-Kunsill se jkun qiegħed iwettaq l-akbar numru possibli ta’ bankini, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li jwasslu biex xogħol isir qabel ieħor.

Ix-xogħol beda l-ġimgħa l-oħra u jinsab għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.  L-ewwel xogħlijiet saru f’partijiet ta’ Vjal il-21 ta’ Settembru (fejn il-monument tal-millennju), Triq Mosta, Triq Ġdida u Triq Leli Falzon.

Fil-jiem u ġimgħat li ġejjin se ssir manutenzjoni fi Pjazza San Pawl (San Pawl tat-Tarġa), Triq l-Imħalla, u partijiet minn Vjal il-21 ta’ Settembru.

Xogħol ieħor ippjanat u li jibda fil-viċin huma zebra crossing ġdida fuq il-ġenb tal-Knisja (fejn l-istage tal-linja ta’ Sqaq numru 6) u li tinkludi twessieħ ta’ parti mill-bankina, u titjib fiż-zebra crossing fejn Pizza Planet.

Dan ix-xogħol qiegħed iwassal għal aktar aċċessibilità minħabba li ċertu xogħol jinkludi wkoll l-irranġar ta’ numru ta’ rampi.