Riserva baxxa ta’ demm….

By admin | Uncategorized | No Comments

Il-ġimgħa li għaddiet madwar id-dinja ġiet ikkommemorata l-Ġimgħa Globali tan-Nazzjonijiet Magħquda Dwar is-Sigurtà fit-Toroq, bit-tema: Save Lives #Slow Down.

F’Malta, din il-kommemorazzjoni ngħatat il-ħajja permezz ta’ workshop b’kollaborazzjoni bejn The Tara Malou Licari Fund u l-Ministeru tas-Saħħa. Ħadu sehem għadd ġmielu ta’ żgħażagħ, flimkien ma’ entitajiet governattivi u oħrajn li mhumiex governattivi u fiha ddiskutew ir-realta’ tal-inċidenti fit-toroq tagħna. Ġie diskuss ukoll l-impatt tal-inċidenti, partikulament fuq il-familja involuta, l-iktar meta din tkun soffriet minn mewt. Dan wassal biex fi tmiem din l-attività ż-żgħażagħ għamlu dikkjarazzjoni li fiha pproponew li jittieħdu diversi miżuri li jwasslu għat-tnaqqis fil-veloċità tas-sewqan u b’hekk jonqsu l-inċidenti mit-toroq tagħna.

Quddiem din ir-realtà, s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, bħal dejjem jappella għall-prudenza fis-sewqan, partikularment fejn tidħol il-veloċità u jfakkar li f’każijiet gravi tat-traffiku tista’ tgħid li r-riserva tad-demm dejjem tonqos b’mod ġmielu u mhux lakemm terġa’ tiġi lura għan-normal fi żmien qasir.

Evidenza ta’ dan hi r-riserva tad-demm pjuttost baxxa li hawn bħalissa, u għaldaqstant dawk li huma f’saħħithom huma mitluba li jagħtu d-demm kemm jista’ jkun malajr:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00 am sas-6:00 pm.
  • fil-Kunsill Lokali tan-Naxxar li nhar il-Ħadd 21 ta’ Mejju mit-8:30am sas-1:00pm se jkun disponibbli biex jilqa’ fih lill-pubbliku biex jagħti d-demm.

Fl-istess għodwa Professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja se joffru servizz ta’ kejl ta’ pressjoni u livell ta’ zokkor fid-demm.

  • fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar it-Tlieta 23 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib miegħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.