Naxxarin eletti fil-Parlament

By admin | Uncategorized | No Comments

Il-Kunsill Lokali Naxxar jifraħ lil dawk kollha li huma residenti fin-Naxxar u li rnexxielhom jiġu eletti fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali tat-3 ta’ Ġunju biex se jkunu qed iservu fil-Parlament fil-leġiżlatura li jmiss.

L-ewwel persuna min-Naxxar eletta kienet il-Professur Edward Scicluna li serva bħala Ministru tal-Finanzi fil-leġiżlatura li għaddiet.  Il-Professur Scicluna kien elett mat-tieni għadd fuq is-seba’ distrett u mat-18-il għadd fuq it-tmien distrett.

It-Tabib Michael Farrugia kien elett fuq it-12-il distrett mal-24 għadd.  Huwa kkontesta wkoll il-11-il distrett.  It-Tabib Farrugia wkoll serva bħala Ministru fil-leġiżlatura preċedenti.

Kemm il-Professur Scicluna kif ukoll it-Tabib Farruga kkontestaw f’isem il-Partit Laburista.

Naxxarija oħra li ġiet eletta, din id-darba f’isem il-Partit Nazzjonalista, hija s-Sinj. Claudette Buttigieg.  Hija ġiet eletta fuq it-12-il distrett fit-28 għadd.  Is-Sinj. Buttigieg m’hijiex wiċċ ġdid għall-Parlament għaliex serviet ukoll bħala Membru Parlamentari fil-leġiżlatura preċedenti.

Ta’ min isemmi li Naxxari ieħor, li iżda huwa residenti l-Mosta, Antony Agius Decelis, kien elett fuq il-11-il distrett.

Apparti dawn kien hemm persuni oħra min-Naxxar li kkontestaw din l-aħħar elezzjoni ġenerali.  Fost dawn kien hemm is-Sindku tan-Naxxar, it-Tabiba Maria Deguara, u l-Viċi Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami.  Dawn ikkontestaw it-12 u l-11-il distrett, fil-każ tat-Tabiba Deguara, u t-12 u l-10-il distrett fil-Każ ta’ Sinj. Muscat Fenech Adami.Dr Maria Deguara and Anne Marie Muscat Fenech Adami

 

Persuni min-Naxxar li wkoll ikkontestaw l-aħħar elezzjonijiet ġenerali kienu Dott. Stefan Zrinzo Azzopardi (il-5 Distrett), Dott. Kenneth Spiteri (it-12-il distrett) u Fleur Vella (it-12-il distrett).  Dawn kollha kkontestaw f’isem il-Partit Laburista.