WEEE trolley

L-Użu tal-WEEE Trolley

By admin | Uncategorized | No Comments

L-ambjent huwa prijorità assoluta għall-Kunsill Lokali. Mhux biss niżguraw l-indafa iżda nagħmlu minn kollox biex inħeġġu  r-residenti kollha biex jisseparaw u jirriċikklaw l-iskart.

Fi Frar li għadda l-Kunsill Lokali introduċa l-WEEE Trolley, servizz offrut mill-Iskema WEEE Malta li hija awtorizzata għall-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ skart elettroniku. Il-WEEE Trolley huwa servizz effiċjenti fejn wieħed jista’ jeħles u jarmi b’mod sew materjal elettroniku żgħir bħal ngħidu aħna xi toaster, radios, laptops u dak il-materjal elettroniku żgħir li jintuża fid-djar.

Dan is-servizz bla ħlas huwa purament immirat biex il-materjal elettroniku żgħir ma jintremix la fil-borża s-sewda u lanqas fil-borża l-griża għax f’din tal-aħħar għandu jintrema biss il-karta, plastic u kartun.

Huwa fatt sfortunat li għad hawn ħafna nies li għadhom jiddisponu ħażin minn dan it-tip ta’ materjal billi jitfgħuh fil-borża s-sewda. Kemm-il darba jkollok xi wajer ta’ xi apparat elettroniku jew xi shaver jew xi remote control ma tahdimx u tfajthom fil-borża s-sewda għax l-ewwel li ssib f’idejk? Kemm il-darba tkun qed tnaddaf xi kamra tal-bejt jew tiżbarazza xi għodda u kulma jdejjqek jew m’għadux jaħdem taħmih fil-borża s-sewda?

Bil-WEEE Trolley fil-Kunsill Lokali issa għandek servizz qribek fejn dan il-materjal jista’ jintrema’ b’mod tajjeb. Fl-aħħar ħames xhur kellna bidu sodisfaċenti għax skont statistika ta’ WEEE Malta it-Trolley diġà mtela’ u tbattal ħames darbiet u nġabru madwar nofs tunnellata ta’ materjal li kollu mar għar-riċiklaġġ. Dan ifisser ukoll li rnexxielna nevitaw nofs tunnellata skart milli jmur fil-landfill.

B’popolazzjoni ta’ kważi 14-il elf persuna fin-Naxxar, nemmnu li jintrema ħafna iktar materjal u għaldaqstant it-Trolley jista’ jimtela’ iktar ta’ spiss. Madankollu nfakkru li l-materjal li għandu jintrema fih ma jridx ikun ikbar minn 30 centimentru. Kull materjal ieħor hu meqjus skart goff u dan jinġabar bieb bieb mis-servizz tal-Bulky Refuse. Madankollu fid-dinja tar-riċiklaġġ “Small Things Matter” u l-kontribut tiegħek jgħodd bil-kbir.