The newly disabled parking bay in St Paul Street.

Ħidma favur aktar aċċessibilità

By admin | Uncategorized | 2 Comments

Il-Kunsill Lokali Naxxar beda ħidma biex ikompli jżid l-aċċessibilità fil-lokalità.  Dan qiegħed isir prinċipalment permezz ta’ rranġar ta’ bankini kif ukoll titjib fis-senjaletika tal-parkeġġi għall-persuni b’diżabilità.

Fir-rigward tal-bankini l-Kunsill diġà rranġa numru ta’ bankini biex jiżgura li jitneħħa kull periklu għal min jużahom speċjaliment dawk li jużaw siġġu tar-roti jew dawk li jbagħtu biex jimxu.

Ġew irranġati wkoll numru ta’ ranep li jew ma kienux skont l-istandards tal-aċċessibilità jew inkella kienu saħansitra mkissrin.  Fost dawn insibu ranep fiż-żona tal-monument tal-millenju kif ukoll ranep fuq zebra crossings.

La semmejna ż-zebra crossings ta’ min iżid li fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir zebra crossing ġdida fil-ġenb tal-Knisja, fejn Sqaq numru 6.  Saru d-disinnji u l-applikazzjoni għand Transport Malta li ġiet approvata.  Permezz ta’ din il-biċċa xogħol se tiżdied ukoll l-aċċessibilità fuq il-bankina fejn l-istage minħabba li fil-preżent hija dejqa ħafna u li tagħmilha diffiċli li wieħed jimmanuvra anki b’pushchair.

Fl-aħħar xhur saret zebra crossing oħra fi Triq Leli Falzon li ntlaqgħet tajjeb ħafna mir-residenti u studenti li jattendu l-iskejjel tal-viċin.

Il-Kunsill huwa konxju wkoll mill-bżonn li l-persuni b’diżabilità jibqgħu kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti u għalhekk irid jaċċerta li joffri l-faċilitajiet kollha meħtieġa għalihom speċjalment fil-postijiet l-aktar frekwentati.  Jemmen li jekk ma joffrilhomx il-faċilitajiet, awtomatikament ikun qiegħed jeskludi lil dawn il-persuni milli jkollhom l-aċċess għal kull żona, kif għandhom kull dritt.

Għal dan il-għan il-Kunsill għadu kemm għamel parkeġġ għall-persuni li għandhom il-Blue Badge fi Triq San Pawl, triq li hija meqjusa kummerċjali u li allura ffrekwentata ħafna.

Xi ħaġa oħra ġdida għan-Naxxar hija li dawn il-parkeġġi speċjali jinżebgħu blu (kif jidher fir-ritratt) biex b’hekk ikun hemm indikazzjoni ċara ħafna tal-użu ta’ dawn it-tip ta’ parkeġġi u jkunu jidhru aktar.  Mill-banda l-oħra, dawk il-parkeġġi speċjali li jsiru fuq talba ta’ individwi minħabba xi kundizzjoni partikulari li jkollhom, se jibqgħu jinżebgħu bħal qabel biex ikun hemm id-distinzjoni bejn dawk imsejħa communal (għal kulħadd li jinżebgħu blu) u dawk li jkunu saru fuq talba ta’ persuni partikulari li jkunu indikati bil-marki sofor.